BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV
   
 
  Paġna ewlenija > Tagħrif dwar sustanzi > Data Tossikoloġika (1/2)

Rekwiżiti għal tagħrif tossikoloġiku (1/2)

   
 

Mur f’paġna 2 – Kif tissodisfa l-ħtiġijiet għal tagħrif tossikoloġiku

Fi ħdan il-kuntest ta’ REACH, tagħrif tossikoloġiku hu meħtieġ għall-iskopijiet speċifiċi ta’ klassifikazzjoni u tikkettar, id-determinazzjoni tal-istat Persistenti, Bijoakkumulattiv u Tossiku (PBT), Analiżi ta’ Sigurtà Kimika (Chemical Safety Assessment (CSA)) u Rapport (Report (CSR)) u d-determinazzjoni meta meħtieġa għal miżuri ta’ ġestjoni ta’ riskju. It-tagħrif tossikoloġiku li għandu jiġi sottomess għal reġistrazzjoni u skopijiet ta’ evalwazzjoni tas-sustanza hu speċifikat fl-Anessi VI sa XI ta’ REACH. Għal ġabra fil-qosor, ara l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għal reġistrazzjoni. L effetti fuq is-saħħa li jridu jiġu kkonsidrati minn reġistranti huma dettaljati hawn isfel.

Effetti fuq is-saħħa kkonsidrati

Irritazzjoni tal-ġilda u fl-għajnejn/korrużjoni u irritazzjoni respiratorja

Irritazzjoni u korrużjoni huma efferri lokali, i.e. bidliet iseħħu fis-sit tal-ewwel kuntatt tas-sustanza mal-ġilda, l-għajn jew l-epitilja mukuża bħall-passaġġ respiratorju. Sustanzi korrużivi jistgħu jiddistruġu tessuti ħajjin li magħhom jiġu f’kuntatt wara espożizzjoni waħda. Sustanzi irritanti huma sustanzi mhux korrużivi li, b’kuntatt immedjat mat-tessut taħt konsiderazzjoni jista’ jikkawża infjammazzjoni wara espożizzjoni waħda. Sustanzi li jikkaġunaw effetti irritanti wara espożizzjoni ripetuta mhumiex klassifikati bħala irritanti. Irritazzjoni tal-ġilda u/jew irritazzjoni għal għajnejn tirreferi għal produzzjoni ta’ bidliet li jistgħu jkunu riversibbli b’mod sħiħ wara applikazzjoni ta’ sustanza (fil-każ ta’ irritazzjoni tal-għajnejn, meta jkun hemm applikazzjoni għal parti anterjuri tal-għajnejn). Sustanzi korrużivi jipproduċu effetti irriversibbli bħal nekrosi minn ġo l-epidermide u għal ġo dermide, jew tħassir tal-vista. Sustanzi kimiċi li huma klassifikati għal irritazzjoni respiratorja jistgħu jipprovokaw irritazzjonijiet simili għal irritazzjonijiet tal-ġilda jew l-għajnejn. Jistgħu jikkawżaw effetti tossiċi oħra, fir-rigward ta’ interazzjonijiet mas sistema nervuża veġetativa u li jwassal għal effetti riflessivi (għatis, sogħla, sintomi respiratorji, eċċ). Dawn l effetti huma riversibbli. Testijiet għal irritazzjoni respiratorja mhumiex meħtieġa taħt REACH peress li m’hemmx linji gwida validati disponibbli. Minkejja dan, tagħrif eżistenti u disponibbli li jipprovdi evidenza dwar il-possibilità ta’ irritazzjoni respiratorja minn sustanza għandu jiġi meqjus.

Sensibilizzazzjoni tal-ġilda u respiratorja

Sensibilizzatur hu sustanza li kapaċi jikkaġuna rispons allerġiku f’individwi suxxettibbli. Ir-reazzjoni allerġika sseħħ jekk espożizzjoni preċedenti waslet għall-iżvilupp ta’ immunità kontra s-sustanza (i.e. stadju ta’ sensibilizzazzjoni). L-effetti jinħolqu fl-okkażjoni ta’ kuntatt aktar tard: kuntatt allerġiku ta’ dermatite, rinite allerġika, ażma, eċċ. Ebda rekwiżiti ta’ informazzjoni mhuma preżenti taħt REACH għal sensibilizzazzjoni respiratorja. Madankollu, sensibilizzatturi respiratorji huma indikati għal klassifikazzjoni armonizzata u tikkettar f’Artikolu 36 tar-regolament (KE) no 1272/2008.

Tossiċità akuta

Tossiċità akuta tirrigwarda l-effetti avversi, li jistgħu jirriżultaw minn espożizzjoni waħda jew espożizzjonijiet multipli fi żmien 24 siegħa għal sustanza. L-espożizzjoni tirrelata mal-passaġġi orali, tal-ġilda jew tat-teħid tan-nifs. Analiżi tal-potenzjal tossiku akut ta’ sustanza kimika hi meħtieġa biex tiddetermina l-effetti avversi tas-saħħa li jistgħu jseħħu wara espożizzjoni aċċidentali jew maħsuba fuq perijodu ta’ żmien qasir: it-tipi ta’ effetti tossiċi, iż żmien tal-bidu tal-effett tagħhom, it-tul taż-żmien u s-severità, ir-relazzjonijiet bejn dożi u rispons, u r-rispons f’sessi differenti. Il-ħsarat mistħarrġa jistgħu jkunu sinjali kliniċi ta’ tossiċità, bidliet anormali fil-piż korporali, u/jew bidliet patoloġiċi f’organi u tessuti, li f’xi każijiet jistgħu jirriżultaw f’mewt.

Tossiċità minn doża ripetuta

It-tossiċità ta’ doża ripetuta tikkonsisti mill-effetti tossikoloġiċi ġenerali li jseħħu bħala riżultat ta’ espożizzjoni ripetuta kuljum għal sustanza għal parti tad-durata mistennija (espożizzjoni sotto-akuta jew sotto-kronika) jew għal parti maġġura tad-durata (espożizzjoni kronika).
Dawn l-effetti tossikoloġiċi ġenerali jinkludu effetti fuq il-piż korporaliu/jew żieda fil-piż korporali, piżijiet assoluti u/jew relattivi għal organi u tessuti, bidliet fil-kimika klinika, urinanalisi u/jew parametri ematoloġiċi, disturbi funzjonali fis-sistema nervuża kif ukoll fl-organi u t-tessuti b’mod ġenerali, u alterazzjonijiet patoloġiċi f’organi u tessuti kif eżaminati b’mod makroskopiku u mikroskopiku. Minbarra din l-informazzjoni dwar effetti tossikoloġiċi ġenerali avversi possibbli, studji dwar tossiċità minn doża ripetuta jistgħu jipprovdu wkoll aktar tagħrif fuq p.e. tossiċità riproduttiva jew karċinoġeniċità jew jistgħu jidentifikaw manifestazzjonijiet speċifiċi ta’ tossiċità bħal p.e., newrotossiċità, immunotossiċità, effetti li jsiru permezz tas-sistema endokrinali...
L-għanijiet għal analiżi ta’ tossiċità minn dożi ripetuti huma sabiex jiġi evalwat:

  • jekk espożizzjoni ripetuta fuq il-bniedem għal sustanza ġietx assoċjata ma’ effetti tossikoloġiċi avversi; dawn l istudji fuq il-bniedem jistgħu potenzjalment jidentifikaw wkoll popolazzjonijiet li jista’ jkollhom suxxetibilità ogħla;
  • jekk l-għoti ripetut ta’ sustanza fuq annimali sperimentali jikkawżax effetti tossikoloġiċi avversi; effetti li jipprevedu effetti avversi possibbli fuq saħħet il-bniedem;
  • l-organi bersalljati, l-effetti kumulattivi potenzjali u r-riversabilità tal-effetti tossikoloġiċi avversi;
  • ir-relazzjoni bejn doża u rispons u l-livell stabbilit għal kull effett tossikoloġiku avvers osservat fl-istudji ta’ tossiċità minn dożi ripetuti;

Tossiċità riproduttiva

It-tossiċità riproduttiva hi ta’ tħassib kbir peress li l-kontinwazzjoni tal-ispeċi umana tiddependi mill-integrità taċ ċiklu ta’ riproduzzjoni. Hija karaterizzata minn endpoints diversi u multipli, bħal indeboliment fil-funzjonijiet riproduttivi fir-raġel u l-mara (fertilità), induzzjoni ta’ effetti li jagħmlu l-ħsara li ma jintirtux fuq id-dixxendenti (tossiċità ta’ żvilupp) u effetti fi jew li jistgħu jgħaddu permezz ta’ treddigħ.
L-għanijiet għal analiżi dwar tossiċità riproduttiva huma biex jiġi stabilit:

  • jekk l-espożizzjoni fil-bniedem tas-sustanza ta’ interess ġietx assoċjata ma’ tossiċità riproduttiva;
  • jekk, abbażi tal-informazzjoni li mhux tagħrif fuq il-bniedem, jistax jiġi previst li s-sustanza tikkawżax tossiċità riproduttiva fil-bnedmin;
  • jekk il-mara tqila hiex potenzjalment aktar suxxettibbli għal tossiċità ġenerali;
  • ir-relazzjoni bejn doża u rispons għal kull effett avvers fuq ir-riproduzzjoni.

Mutaġeniċità u karċinoġeniċità

Mutaġeniċità tirreferi għal bidliet permanenti trasmessi fl-ammont jew fl-istruttura tal-materjal ġenetiku ta’ ċelluli jew organiżmi. Dawn il-bidliet jinvolvu ġene waħda jew segment ta’ ġene, blokk ta’ ġeni jew kromosomi.
Bidliet fil-materjal ġenetiku ta’ ċelluli jistgħu jseħħu b’mod spontaneju jew jiġu indotti bħala riżultat ta’ espożizzjoni minn radjazzjoni ijonizzanti jew ultravjola, jew sustanzi ġenotossiċi. Fil-prinċipju, l-espożizzjoni għal bniedem għal sustanzi li huma mutaġeni tista’ tirriżulta fi frekwenzi ogħla ta’ mutazzjonijiet ’l fuq mil-linja ta’ riferiment. Ħsarat li jintirtu lid-dixxendenti, u possibilment għal ġenerazzjonijiet sussegwenti, ta’ ġenituri esposti għal sustanzi li huma mutaġeni jistgħu jirriżultaw jekk mutazzjonijiet huma indotti f’ċelluli ġerminali parentali (ċelluli ta’ riproduzzjoni). Mutazzjonijiet għal ċelluli somatiċi (ċelluli li mhumiex ċelluli riproduttivi) jistgħu jkunu letali jew jistgħu jkunu trasferiti għal ċelluli bint b’konsegwenzi ta’ ħsara għall-organiżmu affettwat. Hemm evidenza konsiderevoli ta’ korelazzjoni pożittiva bejn il-mutaġeniċità ta’ sustanzi in vivo u l-karċinoġeniċità fi studji fuq perijodu ta’ żmien twil ma’ l-annimali. L-għanijiet ta’ testijiet għal mutaġeniċità huma sabiex jiġu analizzati l-possibilitajiet ta’ sustanzi li jistgħu jikkawżaw ħsara li tintiret fil-bniedem jew iwasslu għal kanċer.

Sustanzi kimiċi huma mfissra bħala karċinoġeniċi jekk huma jinduċu tumuri, iżidu l-inċidenza ta’ tumuri u/jew mallinnità jew inaqqsu l-ħin ta’ kemm idum it-tumur. Kimiċi karċinoġeniċi tradizzjonalment ġew maqsuma f’żewġ kategoriji skont il-mod ta’ ħidma preżunta tagħhom. Modi ta’ azzjoni ġenotossiċi jinvolvu alterazzjonijiet ġenetiċi bil-kimika tirreaġixxi direttament fuq id-DNA sabiex ikun hemm bidla fis-sekwenza primarja tad-DNA. Modi ta’ azzjoni mhux ġenotossiċi jinkludu bidliet epiġenetiċi, i.e., effetti li ma jinvolvux alterazzjonijiet fid-DNA u li jistgħu jinfluwenzaw l-espressjoni ta’ ġeni, kommunikazzjoni mibdula bejn ċellula u oħra, jew fatturi oħra involuti fil proċess karċinoġeniku. L-għan li tiġi mistħarrġa l-karċinoġeniċità ta’ kimiċi hu sabiex sabiex jiġu identifikati karċinoġeni umani possibbli, il mod(i) ta’ tħaddim tagħhom, u l-qawwa tagħhom.
Ġaladarba kimika tkun ġiet identifikata bħala karċinoġena, ikun meħtieġ li wieħed jeluċida l-mod t’azzjoni fl-isfond, i.e. jekk l-attività kimika hiex direttament ġenotossika jew le. Għal karċinoġeni ġenotossiċi hu preżunt li, ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni, m’hemmx livell ta’ riferiment li jintlemaħ u li kull livell ta’ espożizzjoni ġġorr miegħu riskju. Għal karċinoġeni mhux ġenotossiċi, livelli ta’ riferiment mingħajr effetti huma preżunti li jeżistu u jridu jintgħarfu. Ġeneralment, studji fuq il-bniedem mhumiex disponibbli sabiex wieħed ikun jista’ jagħmel distinzjoni bejn il-modi t’azzjoni t’hawn fuq; u konklużjoni għal din, fil-fatt, tiddependi fuq ir-riżultati għal testijiet mutaġeniċi u studji mekkanisti oħra. Barraminhekk, studji fl-annimali jistgħu wkoll jagħtu informazzjoni fuq il-mod ta’ azzjoni karċinoġenika fl-isfond.
Il-periklu ta’ kanċer u l-mod t’azzjoni jistgħu jkunu dipendenti sew ma’ kundizzjonijiet ta’ espożizzjoni bħar-rotta ta’ espożizzjoni. Għalhekk, it-tagħrif kollu rilevanti dwar l-effetti u l-informazzjoni dwar kundizzjonijiet ta’ espożizzjonijiet fuq il-bniedem huma evalwati

Tossikokinetiċi

L-espressjoni ta’ tossiċità li tiġi minn espożizzjoni għal sustanza hija konsegwenza ta’ katina ta’ avvenimenti li jirriżultaw sabiex it-tessuti affettwati ta’ organiżmu jirċievu it-tossikant aħħari f’ammonti li jikkaġuna effett avvers. Il konċentrazzjoni tat-tossikant aħħari fis-sit bijoloġiku bersalljat jiddependi mill-assorbiment, distribuzzjoni, metaboliżmu u eliminazzjoni. Skont l-Anness VIII ta’ REACH, l-analiżi ta’ dawn l-proċessi, i.e. l-imġieba tossikokinetika hi meħtieġa mit-tagħrif disponibbli rilevanti. M’hemmx obbligu li jiġi ġġenerat tagħrif ġdid.


Mur f’paġna 2 – Kif tissodisfa l-ħtiġijiet għal tagħrif tossikoloġiku


logo CNRS

Prévention du risque chimique, Franza, 2007, 2009
Dan id-dokument qed jingħata għal informazzjoni biss u taħt l-ebda ċiekostanza ma jikkostitwixxi parir legali. L-uniku referenza awtentika legali huwa t-test tar-Regolament ta’ REACH (Regolament (KE) nru 1907/2006).